L-Aid to the Church in Need b’Kollaborazzjoni ma’ Radju Marija

 

Id-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need, Stephen Axisa qed itella’ programm fuq Radju Marija (102.3 FM) kull nhar t’Erbgħa bejn it-8.30p.m. u d-9.00p.m. Dan il-programm jiġi mniedi nhar il-Ħadd fl-4.30am  u t-Tlieta fis-2.00 a.m.

Waqt dan il-programm qed jingħata tagħrif dwar ir-realtajiet li qed jgħaddu minnhom il-Kristjani ppersegwitati minħabba l-Fidi tagħhom fi Kristu. Waqt il-programm ikollna wkoll mistednin speċjali li ser jaqsmu l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom dwar is-suġġett tal-Persekuzzjoni Reliġjuża. L-Aid to the Church in Need, bil-ġenerożità kbira tal-benefatturi tagħha, qed tkun t’għajnuna, kemm spiritwali kif ukoll materjali, għal dawn ħutna.

Huwa d-dover tagħna lkoll bħala nsara li nitolbu għal dawn ħutna u li ngħinuhom kif nistgħu biex jiksbu d-dinjità tagħhom, u ntaffulhom t-tbatijiet li għaddejjin minnhom. Ingħaqdu magħna fuq  Radju Marija (102.3 FM) biex flimkien nitolbu, ngħatu informazzjoni u nieħdu azzjoni kontra l-inġustizzji li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ħutna l-Kristjani ppersegwitati.

Nirringrazzjaw lil Radju Marija tal-koperazzjoni u tal-assistenza sħiħa tagħhom.