Konverżjoni Pastorali
Sfida għall-Knisja f’Malta
Fr Joe Galea Curmi, il-Vigarju Ġenerali
Il-ħsieb tiegħi hu li nitkellem fuq prijorità, il-konverżjoni pastorali, bħala sfida għall-Knisja f’Malta. Dan se nagħmlu fid-dawl tal-indikazzjonijiet tal-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (EG) li hi bażika għall-ħidma tal-operaturi pastorali.
“Nittama li l-komunitajiet kollha jħabirku biex iħaddmu l-mezzi neċessarji ħalli jimxu ’l quddiem fil-mixja ta’ konverżjoni pastorali.” (EG 25)
Hi mixja. U hekk nixtieq li nippreżentaha. F’mixja hemm min qiegħed ’il quddiem, hemm min baqa’ lura. Imma f’mixja d-direzzjoni nafuha.
Il-Konċilju Vatikan II ippreżenta l-konverżjoni ekkleżjali bħala l-ftuħ għal riforma permanenti tagħna nfusna b’fedeltà lejn Kristu: Kull tiġdid tal-Knisja jikkonsisti essenzjalment f’impenn akbar ta’ fedeltà għas-sejħa tagħha. Matul il-pellegrinaġġ tagħha f’din l-art, Kristu jsejjaħ lill-Knisja għal dan it-tiġdid kontinwu tagħha nfisha, tiġdid li l-Knisja, għax hi istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ (EG 26).
Il-Papa Franġisku: “Inħeġġeġ lil kull Knisja partikulari biex b’determinazzjoni taqbad mixja ta’ dixxerniment, tisfija u riforma” (EG 30).
It-tnejn imorru flimkien: it-tiġdid tal-qalb, u t-tiġdid tal-istrutturi. Jekk ninjoraw l-istrutturi, dawn jistgħu jsiru piż.
Hemm stutturi ekkleżjali li jistgħu jaslu biex jikkundizzjonaw id-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni. Bl-istess mod, l-istrutturi tajbin jiswew meta huma mħarrka, imwieżna u ġġudikati minn xi ħaġa ħajja. Mingħajr ħajja ġdida u spirtu evanġeliku awtentiku, mingħajr il-‘fedeltà tal-Knisja lejn l-istess vokazzjoni tagħha’, kull struttura ġdida fi żmien qasir tispiċċa titħassar minn ġewwa (EG 26).
- Minn pastorali ta’ awtopreservazzjoni għal għażla missjunarja
“The pastoral conversion of our communities requires moving from a pastoral ministry of mere conservation to a decidedly missionary pastoral ministry.” (Aparecida, 370)
Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum iktar milli għall-awtopreservazzjoni. Ir-riforma tal-istrutturi, li titlob konverżjoni pastorali, nistgħu nifhmuha biss f’dan id-dawl. Isiru iżjed missjunarji, li l-pastorali ordinarja fil-livelli kollha tagħha tkun iktar wiesgħa u miftuħa, li tqiegħed lill-aġenti pastorali f’atteġġjament kontinwu ta’ “ħruġ” u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk kollha lil lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu.
Kif qal Ġwanni Pawlu II lill-Isqfijiet tal-Oċeanja “kull tiġdid fil-Knisja għandu jkollu bħala l-għan tiegħu l-missjoni, biex ma jisfax priża ta’ atteġġjament fejn il-Knisja tħares biss lejha nfisha” (EG 27).
- Minn pastorali li tistenna l-klijenti għal pastorali li tmur lejn il-periferiji
Irridu nkunu dejjem lesti li dejjem nagħtu merħba. Fiż-żelu tagħna kultant nistgħu nnaffru lin-nies, u nbegħduhom mill-Mulej. Iħabbtu u jsibu l-bibien magħluqa.
Imma, minbarra dan, irridu noħorġu ’l barra lejn il-periferiji.
Il-ferħ tal-Knisja li twassal lil Kristu jidher fl-attenzjoni tagħha biex tħabbru fi mkejjen oħra li huma fi ħtieġa akbar imma wkoll fi ħruġ kontinwu lejn il-periferiji tat-territorju tagħha jew lejn l-ambjenti ġodda soċjo-kulturali. Tħabrek biex tkun dejjem hemm fejn l-aktar li huma nieqsa d-dawl u l-ħajja tal-Irxoxt (EG 30).
Punt li jagħmel il-Papa f’diskorsi differenti tiegħu: Hemm wisq ‘insara tas-salott’, kuntenti li qegħdin tajjeb, il-Mulej iridna rgħajja, mhux dawk li nippettnaw in-ngħaġ. Il-messaġġ tal-Evanġelju jġegħilna noħorġu minna nfusna.
Irridu nfittxu lil dawk li qegħdin ibatu u nixxuttaw id-dmugħ. U meta ngħinu, irridu nħarsu f’għajnejn il-persuna, immissu l-id tal-persuna u nħallu l-uġigħ tagħha jidħol f’qalbna.
“Kemm niket nistgħu nilmħu fuq tant uċuħ li niltaqgħu magħhom. Kemm dmugħ imxerred f’kull ħin fid-dinja. Waħda differenti mill-oħra u flimkien isawru bħal oċean ta’ deżolazzjoni, li jitkarrab għal ftit ħniena, mogħdrija u faraġ. L-eħrex wieħed hu dak li jinħoloq minħabba fil-kefrija tal-bniedem: id-dmugħ ta’ min ra quddiem għajnejh lil min jaħtaf vjolentement minnu persuna għażiża; id-dmugħ ta’ nanniet, ta’ ommijiet u missirijiet, ta’ tfal… Hemm għajnejn li spiss jibqgħu msammra fuq inżul ix-xemx u jsibuha bi tqila li jaraw iż-żerniq ta’ jum ġdid.” (Il-Papa Franġisku, Velja 5 ta’ Mejju 2016).
- Minn ‘għax dejjem hekk sar’ għal ‘għax illum dak hu meħtieġ’
Din sfida li niltaqgħu magħha kemm-il darba fil-komunitajiet tagħna. ‘Għax dejjem hekk sar’ qatt mhu waħdu kriterju pastorali tajjeb.
Il-pastorali f’dawl missjunarju titlob minna li nħallu l-kriterju pastorali komdu ta’ “għax dejjem hekk sar”. Il-Papa jistieden lil kulħadd biex ikun kuraġġuż u kreattiv f’din il-ħidma tagħna li nfasslu mill-ġdid l-għanijiet, l-istrutturi, l-istil u l-metodi ta’ evanġelizzazzjoni fil-komunitajiet tagħna (EG 33).
- Minn attenzjoni fuq il-kontenut għal attenzjoni għall-mod kif jasal il-messaġġ
Fid-dinja tal-lum, bil-ħeffa tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-għażla tal-kontenut li tagħmel il-media, il-messaġġ li nħabbru qed iħabbat wiċċu iżjed minn qatt qabel mar-riskju li jidher mgħawweġ u mnaqqas għal aspetti sekondarji tiegħu. Jiġri għalhekk li kwistjonijiet li jagħmlu parti mit-tagħlim morali tal-Knisja jibqgħu barra mill-kuntest li jagħtihom sens. L-ikbar problema tkun meta l-messaġġ li nħabbru aħna jidher identifikat ma’ aspetti sekondarji li, għalkemm rilevanti, waħidhom ma jikxfux il-qalba tal-messaġġ ta’ Kristu.
Għalhekk, hemm bżonn inkunu realistiċi u ma nistennewx li dawk li qed jirċievu l-messaġġ tagħna jafu x’inhu l-kuntest sħiħ ta’ dak li qed ngħidu u li jistgħu jorbtu d-diskors tagħna mal-qalba essenzjali tal-Evanġelju li tagħtih is-sens u l-ġmiel li tiegħu li jiġbdek (EG 34).
In-nies kif qed jirċievu l-messaġġ? Dan hi mistoqsija importanti ħafna għax fix-xandir tal-Kelma mhuwiex il-kontenut biss li jgħodd imma wkoll hux qed jasal u b’liema mod.
Irridu, għalhekk, nagħmlu dixxerniment profond fuq kif qed nikkomunikaw bħala Knisja. Irridu nistaqsu: Wara li semgħu dak li għedna, x’fehmu n-nies? X’baqa’ fil-qalb tan-nies? Tinħass qawwija biżżejjed is-sensitività fi kliemna, speċjalment lejn min qed ibati? Kollox ma’ kollox, u bl-isfidi kollha li fiha, qed toħroġ is-sbuħija tal-ħajja nisranija?
- Minn prijorità fuq l-imġiba moral għal prijorità tal-laqgħa ma’ Kristu
Pastorali bi stil missjunarju mhix ossessjonata fuq it-trasmissjoni ta’ għadd ta’ duttrini mifruda minn xulxin. Meta jkollna mira pastorali u stil missjunarju, li tassew jaslu għand kulħadd bla eċċezzjoni jew esklużjoni, it-tħabbira tikkonċentra fuq dak li hu essenzjali, fuq dak li hu l-isbaħ, l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġ. Il-proposta ssir b’mod sempliċi, bla ma titlef xejn mill-profondità u l-verità tagħha, u hekk issir iżjed konvinċenti u qawwija (ara EG 35).
Fil-bidu tal-ħajja Nisranija m’hemmx deċiżjoni etika, imma laqgħa ma’ persuna, ma’ Kristu. (Benedittu XVI, Deus Caritas Est, 1)
- Minn pastorali klerikali għal pastorali sinodali
L-enfasi tal-Papa Franġisku hi fuq is-sinodalità. Din tfisser ‘mixja flimkien’. Din il-mixja tfisser li tingħata importanza akbar lil-lajċi.
Il-lajċi huma l-maġġoranza kbira tal-poplu ta’ Alla. Għandhom għas-servizz tagħhom minoranza ċkejkna: il-ministri ordnati. Illum kiber l-għarfien dwar l-identità u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja. Għandna ħafna lajċi, anki jekk mhux biżżejjed, b’sens komunitarju b’saħħtu u fedeltà kbira lejn l-impenn fil-karità, fil-katekeżi fiċ-ċelebrazzjoni tal-fidi. Imma l-kuxjenza ta’ din ir-responsabbiltà lajkali li tiġi mill-Magħmudija u mill-Konfirmazzjoni ma tidhirx bl-istess mod fil-postijiet kollha.
F’xi każi għax ma ġewx iffurmati biex jerfgħu responsabbiltajiet importanti, f’oħrajn għax fil-Knejjes partikulari tagħhom ma sabux l-ispazju li fih setgħu jesprimu ruħhom u jaħdmu, minħabba klerikaliżmu żejjed li jżommhom fil-ġenb tad-deċiżjonijiet importanti (EG 102).
- Minn ħidma pastorali tal-okkażjonijiet iżolati għal ħidma pastorali ta’ akkumpanjament
Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha (saċerdoti, reliġjużi u lajċi) mal-“arti tal-akkumpanjament” biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (Eż. 35). Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib l-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija (EG 169).
Iktar minn qatt qabel neħtieġu rġiel u nisa li bl-esperjenza li għandhom fl-akkumpanjament juruna t-triq li għandna naqbdu, fejn jispikkaw il-prudenza, il-ħila li nifhmu lill-oħrajn, l-arti tal-istennija u l-ħlewwa li tħalli l-Ispirtu jaħdem fina. Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk.
Fil-komunikazzjoni mal-oħrajn hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor u li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera. Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi. Hu biss jekk nitilqu minn dan is-smigħ, li juri rispett u kapaċi jifhem il-qagħda tal-oħrajn li nistgħu nsibu toroq għal maturità vera li nistgħu nerġgħu nqanqlu fina x-xewqa tal-ideal Nisrani, il-ħeġġa li nwieġbu b’mod sħiħ għall-imħabba t’Alla u x-xenqa li niżviluppaw bl-aħjar mod dak li Alla żera’ fil-ħajja tagħna (EG 171).
- Minn ‘profeti di sventura għal ħabbara tal-Aħbar it-Tajba
Le għall-pessimiżmu sterili. Il-ħażen tad-dinja tagħna – u dak tal-Knisja – qatt m’għandu jkun skuża biex innaqqsu l-impenn tagħna u l-ħeġġa tagħna. Neħduhom bħala sfidi biex nikbru. Iktar minn hekk, il-ħarsa tal-fidi għandha l-ħila tagħraf id-dawl li l-Ispirtu s-Santu dejjem ixerred qalb id-dlamijiet, bla ma tinsa li “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum. 5, 20). (EG 84)
Il-Papa jirriferi għal kliem Ġwanni XXIII fid-diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II fl-1962: “Mhux b’inqas offensiv għal widnejna, jaslilna l-kliem ta’ xi wħud li, għalkemm mixgħula b’żelu kbir għar-reliġjon, jivvalutaw il-fatti mingħajr biżżejjed oġġettività u ġudizzju prudenti. Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u inkwiet.
Lilna jidhrilna li fermament m’għandniex naqblu ma’ dawn il-profeti tal-isfortuna li dejjem iħabbru l-agħar donnhom qed jilmħu joqrob l-aħħar tad-dinja. Fil-qagħda preżenti tal-ġrajjiet umani, fejn l-umanità donnha dieħla f’ordni ġdid tal-affarijiet, iktar għandna naraw il-pjanijiet misterjużi tal-Providenza Divina li jseħħu f’kull żmien permezz tal-għemejjel tal-bnedmin u spiss lil hemm minn dak li dawn ikunu jistennew waqt li bl-għerf tagħhom jużaw kollox, anki l-ġrajjiet koroh tal-bnedmin, għall-ġid tal-Knisja” (Diskors tal-Ftuħ tal-Konċilju, 11 ta’ Ottubru 1962).
- Minn tfittxija tagħna nfusna għal għotja tagħna nfusna
Il-Papa Franġisku, dwar meta naffaċċjaw diffikultajiet, l-esperjenza tal-falliment u dgħufijiet umani li jagħmlu ħafna ħsara. “Mill-esperjenza nafu li kultant ikun hemm ħidma li ma tagħtix is-sodisfazzjon li nkunu xtaqna. Il-frott ikun skars u l-bidliet bil-mod u wieħed tiġih it-tentazzjoni li jegħja u jixba’. Minkejja dan, meta wieħed, minħabba fl-għeja, ibaxxi għal ftit idejh, mhux l-istess bħal meta wieħed iniżżilhom għalkollox għax jinħakem minn nuqqas ta’ kuntentizza li m’għandux fejqan, minn ċertu għażż li jnixxef ir-ruħ. Jista’ jiġri li l-qalb tegħja tissielet għax fl-aħħar mill-aħħar tkun qed tfittex lilha nfisha f’karreriżmu għatxan għal rikonoxximenti, applawsi, premijiet u karigi. Hawn wieħed ma jbaxxihomx idejh imma ma tibqagħlux grinta, jonqsu l-qawmien. Hekk, il-Vanġelu, li hu l-isbaħ messaġġ li hawn fid-dinja, jibqa’ midfun taħt ħafna skużi (EG 277).
Il-Papa Franġisku: Li timxi ’l quddiem ifisser li sservi aktar. L-aqwa fil-Knisja hu dak li jservi. Nistgħu nużaw il-verb ‘ħa promozzjoni’ fil-Knisja imma fis-sens: ħa promozzjoni għas-salib biex nixbhu aktar lil Ġesù.
- Minn pastorali b’mentalità ta’ fortizza għal pastorali ta’ djalogu
Silta mid-dokument tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta li tispjega tajjeb l-attitudni li Papa Franġisku qed jinsisti fuqha.
“Aħna ma nħarsux lejn il-bidliet li minnhom għaddejja s-soċjetà Maltija bil-biża’ u bit-tregħid. Ma narawx f’dan it-tibdil theddida. Pjuttost naraw sfida u opportunità ġdida. Għalhekk aħna nirreżistu t-tentazzjoni li lill-Knisja nirriduċuha f’fortizza fejn nistkennu mill-assalt tal-Ħażin u nemmnu li l-Knisja f’pajjiżna għandha kontribut pożittiv u importanti ħafna x’tagħti fit-tiswir tal-ġejjieni tas-soċjetà f’pajjiżna.” (Viżjoni ta’ Knisja, 5).
Il-Papa Franġisku meta rċieva l-Premju Karlu Manju saħaq dwar il-bżonn ta’ djalogu. Qal: “Jekk hemm kelma li m’għandniex negħjew nirripetu hi din: djalogu. Aħna msejħa biex nippromwovu kultura ta’ djalogu b’kull mezz possibbli u b’hekk nibnu s-soċjetà.”
“Djalogu jfisser li nisimgħu b’attenzjoni lil xulxin. Papa Franġisku – 17 t’Ottubru 2015 – fiċ-ċelebrazzjoni tal-50 sena mis-Sinodu tal-Isqfijiet: Knisja sinodali hi Knisja li tisma’, għax taf li s-smigħ “hu iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk”. Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem.
Djalogu jfisser ukoll li nitkellmu – inkella jkun monologu – imma li nitkellmu b’mod li nfissru ruħna u li nagħtu sehemna f’ambjent ta’ rispett fejn qed nippruvaw nifhmu lil min jaħsibha differenti. It-ton, l-attenzjoni fil-kliem, ir-rispett lejn nies b’ideat differenti – dan kollu joħroġ minn spirtu ta’ djalogu.
Fl-aħħar mill-aħħar, konverżjoni pastorali tfisser li mhux aħna l-protagonisti imma l-Ispirtu t’Alla. (Salm 127) Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.
L-isfidi qegħdin hemm biex jingħelbu. Inkunu realisti, imma mingħajr ma nitilfu l-ferħ, il-kuraġġ u l-impenn sħiħ mimli tama! (EG 109).