Homily by Archbishop Charles J. Scicluna on the feast of St George, Martyr
Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi
23 ta’ April 2016
Għażiż poplu ta’ Alla, għeżież membri ta’ din il-Parroċċa Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri, L-Eċċellenza għażiża President tar-Repubblika, Sur Preca, rispettabli Sindku, membri distinti speċjalment il-Membri Parlamentari, tant rappreżentanti, u qed nieħu pjaċir nara lilkom ukoll, għeżież membri tal-fratellanza.
Fl-Innu tant għażiż għalina, aħna ngħidu lil San Ġorġ: “ismek jgħid għeġubijiet”. L-ewwel riflessjoni qasira li nixtieq noffri llum hija propju fuq l-isem ta’ San Ġorġ għax inħoss li l-isem tiegħu għandu attwalità qawwija. L-isem tiegħu Georgius, mill-Grieg ‘georgos’, tfisser bidwi; għandu vokazzjoni partikolari.
L-ewwelnett nifrah u nagħti l-festa t-tajba lil kull min jismu Ġorġ jew Ġorġina għax illum, it-23 ta’ April hija l-festa tagħkom, imma hija l-festa ta’ din il-parroċċa għażiża wkoll li tgħammdet fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja t’Alla taħt it-titlu ta’ San Ġorġ Martri.
Sant’Andrija minn Kreta, fis-seklu tmienja, dan il-Missier għaref tal-Knisja li miet fis-sena 767, kiteb omelija fuq San Ġorġ u għamel din ir-riflessjoni, spirata mill-fatt li l-isem Ġorġ ifisser ‘bidwi’. Kiteb hekk: “Sa miċ-ċokon, bħal bidwi tajjeb tħabat u frott bil-mija fil-wieħed u b’mod abbundanti, radd lill-Mulej fiż-żmien”. Mela San Ġorġ, bħal kull Nisrani laqa’ l-kelma ta’ Ġesù, li l-kelma ta’ Alla fih tagħmel il-frott. “Jiena għalhekk ħtartkom biex tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’”.
L-isem Ġorġi jrid ifakkarna f’tant mumenti fil-kelma t’Alla u fl-Evanġelju fejn il-Mulej jislet tixbihat, eżortazzjonijiet mid-dinja tal-biedja biex lilna l-Insara jgħallimna ngħixu l-ħajja Nisranija tagħna. Kull Nisrani b’xi mod huwa ‘Giorgos’, jew ‘Ġorġ’ jew ‘Georgia’ għaliex kull Nisrani huwa msejjaħ biex ikun dak il-bidwi tajjeb li jagħmel il-frott u jagħmel il-frott bil-kotra.
Hu radd il-Mulej dan il-frott fi żmienu. Ġesù, f’ħin minnhom, isemmi sidien ta’ għalqa li meta ġie t-tifel tas-sid, minflok raddewlu l-frott tal-ħidma tagħhom, qatluh (ara Lq 20 13-15). In-Nisrani li jimxi fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ, irodd lill-Mulej il-frott tal-ħidma tiegħu.
Sant’Andrija minn Kreta jkompli: “bil-moħriet tal-virtù mexa fir-radda’ ħelwa u devota tat-triq tas-sewwa u hekk li nstab dehen tas-Saltna tas-Sema”. Mela l-bidwi juża’ l-moħriet u Ġesù qal: “min imidd idu fuq il-moħriet u jħares lura, mhux tajjeb għas-saltna tas-sema” (Lq 9, 62). Jekk inti meddejt idek fuq il-moħriet, ħares ’il quddien ħalli r-radda tiġi tajba. San Ġorġ jgħallimna li meta inti timpenja ruħek fil-ħajja Nisranija, għalkemm dgħajjef u midneb, trid tħares dritt lejn Ġesù, anke meta niżolqu fin-niexef, inħarsu lejn Ġesù u ma nħarsux lura.
Il-Papa Franġisku, hu u jgħallimna x’jiġifieri l-vera ħniena, jgħidilna li mhux tħares lura trid, tħares ’il quddiem. Tħallix l-iżbalji tal-passat, id-dgħufija tiegħek ifixkluk. Ħares ‘il quddiem. Poġġi jdejk fuq il-moħriet, il-Mulej imexxik biex ir-radda ta’ ħajtek jekk kienet mgħawwġa tidritta.
Sant’Andrija minn Kreta jkompli: “firex iż-żerriegħa fid-dmugħ u bil-ferħ ġabar il-ħsad”. Smajna s-Salm Responsorjali, illum kantat tant sabiħ: “Min jiżra’ fid-dmugħ jaħsad fil-ferħ”. San Ġorġ id-dmugħ xerrdu hu u jipprova jimxi wara Ġesù u jipprova jirrispondi għall-persekużżjonijiet li ġarrab hu u l-komunità tiegħu, hu u jipprova jħobb lill-Mulej. Bil-ferħ ħasad il-glorja, ħasad il-paċi ta’ qalbu, ta ġensu u anke l-ġieħ għall-Knisja.
Mill-art fejn twieled u trabba San Ġorġ, illum l-Insara ħutna qegħdin jgħaddu persekuzzjoni terribbli. Dak li għadda minnu hu, qed jgħaddu minnu llum aħna u nitkellmu. Insara kkundannati għall-mewt għax għandhom kurċifiss mal-ġiżirana tagħhom, jew inkella għaliex ma jafux jirrepetu l-versi tal-Koran għax huma jafu l-Evanġelju, u għandhom bżonn il-qawwa li kellu l-qaddis għażiż tagħna San Ġorġ.
Aħna qegħdin hawn illum, barra li niftakru fil-memorja Liturġika ta’ San Ġorġ, biex nifirħu wkoll fl-anniversarju ta’ din l-istatwa sabiħa. Fl-ikonografija tal-istatwa ta’ Pietro Feliċi aħna naraw suldat. Kull Nisrani huwa msejjaħ biex jilbes il-kurazza ta’ suldat. Ħa nfakkarkom x’jgħid l-appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin, lin-nies li kienu jgħixu bil-belt ta’ Efesu. “Mill-bqija, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu,” mhux bil-qawwa tagħkom għax aħna hemmhekk nogħtru meta nafdaw fil-qawwa tagħna. “Ilbsu,” jgħid San Pawl, “l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-xitan. Għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ispirti ħziena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet. Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin” (Ef 6, 10-13).
Se ngħidilkom u intom tistaqsuni: “imma din l-armatura li fl-istatwa sabiħa ta’ San Ġorġ hija armatura ta’ suldat Ruman, ta’ żmienu, għalina x’se tkun?”
L-aħwa, l-armatura tagħna trid tkun li nitlibsu bil-ħniena ta’ Alla, billi nħallu lil Alla jħaddanna hu, igeżwirna hu fil-ħniena tiegħu. B’hekk jagħtina l-qawwa nħennu anke għal xulxin, għall-proxxmu tagħna wkoll. Dik se tkun l-armatura tagħna. Jekk jiena mingħalija l-bravura tiegħi, il-virtujiet tiegħi, il-ġustizzja tiegħi se tkun il-korazza tiegħi, tittaqqab malajr! Il-ħażin u x-xitan, imqar bis-suppervja li titla’ għal rasi, jeqridha malajr dik il-kurazza, dik l-armatura malajr iddub fix-xejn. Imma jekk aħna nafdaw fil-ħniena t’Alla, aħna għandna d-dell ta’ Alla fuqna, il-barka tiegħu fuqna. Hu jkun il-kenn tagħna, hu jkun it-tarka tagħna.
“Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla. Żommu sħiħ mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità,” għax jekk aħna ngħixu l-gidba, aħna falliment. “Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja”. Il-ġustizzja li tagħti lill-proxxmu tagħna dak li jisħoqqlu skont ir-rettitudni, imma l-ġustizzja hija wkoll li jiena nafda fil-fedeltà ta’ Alla.
“Xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem”. Dak il-veru sandli ta’ San Ġorġ u tan-Nisrani: il-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem. “Ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi, ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni, aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla” (Ef 6, 14-17). Hawn San Pawl jaqbad l-ikonografija li aħna tant ngħożżu għall-qaddisin bħal San Ġorġ: dik l-ikonografija hija għal kull Nisrani.
Jiena nixtieq nikkonkludi b’żewġ lezzjonijiet importanti. L-ewwelnett l-isem Ġorġ li jfakkarna f’dak kollu li Ġesù jgħallimna dwar kif għandna nagħmlu l-frott, kif għandna nħarsu ’l quddiem waqt li mmiddu jdejna fuq il-moħriet. Jiena ngħid li l-isem Ġorġi hija vokazzjoni biex in-Nisrani jkun hu d-difensur tal-ħolqien u tal-ambjent. San Ġorġ, minħabba ismu, għandu jkun protettur ewlieni ta’ kull min jiġġieled biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu igawdu s-sbuħija tal-ħolqien li aħna rċevejna bis-sabar, bil-għerf u d-dehen ta’ missirijietna. Mela jekk jiena nara ħarruba u meta ngħaddi naraha meqruda, jiena nkun ħarist lejn falliment tas-soċjetà tagħna, għax dik il-ħarruba ħadet sekli biex tikber u l-injoranza ta’ xi ħadd tkun ħarqitha f’sagħtejn.
Hemm bżonn li aħna nitolbu lil martri tagħna San Ġorġ biex ikollna nies ta’ qlubija kbira li jiddefendu l-ambjent sabiħ li bih żejjinna l-Mulej – l-indafa tal-ibħra tagħna, l-ambjent naturali li qed isir wisq prezzjuż u m’aħniex nagħtu kasu kemm hemm bżonn.
It-tieni lezzjoni mill-armatura ta’ San Ġorġ. Meta tħarsu lejn San Ġorġ itolbuh li dak li qal San Pawl dwar l-armatura tan-Nisrani isir ħajja ta’ kuljum għal kull wieħed u waħda minna. Aħna nqimu statwa tal-injam, ta’ xiex tkun, imma ma rridux nieqfu hemm għax inkunu qegħdin naħlu l-ħin. Aħna nqimu l-istatwi tal-qaddisin mhux biex nieqfu fl-istatwa, sabiħa kemm hi sabiħa, għażiża kemm hi għażiża, indehbuha kemm indehbuha.
Il-vera devozzjoni lejn il-qaddisin hija li nimitawhom minkejja d-dgħufijiet tagħna; anzi anke huma kienu dgħajfin bħalna, imma rebħu bil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla għalihom. Dik kienet il-vera tarka tagħhom, dik kienet il-vera kurazza tagħhom, l-armatura tagħhom kienet il-ħniena ta’ Alla.
Ejjew mela ma jkollniex kliem ta’ tkasbir, imma kliem ta’ ħniena għal xulxin; ma jkollniex kliem ta’ nkejja jew ta’ firda, imma kliem ta’ koperazzjoni u ta’ għaqda.
Naf kemm hu diffiċli, imma llum jiena nitlob l-interċessjoni ta’ qaddis li fl-istorja tal-Knisja għaqqad fid-devozzjoni lejh, il-Punent u l-Lvant, it-Tramuntana u n-Nofsinhar, għax id-devozzjoni lejn San Ġorġ hija devozzjoni tassew Kattolika u universali. Kemm armati talbu lilu biex jiddefendihom, kemm pajjiżi iddedikaw lilhom infushom lil Alla bit-titlu ta’ San Ġorġ. Aħna se nibżgħu nitolbu lil Alla affarijiet kbar u li għalina forsi jkunu impossibbli? Le, ma naqtgħux qalbna għax Ġorġi tagħna jinterċedi għalina. Ismu veru jgħid l-għeġubijiet u aħna permezz ta’ ismu, lil Alla nitolbuh grazzji kbar. Viva San Ġorġ Martri!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta