Mons. Carmelo Zammit maħtur Isqof għal Ġibiltà

 

Nifirħu lil Mons. Carmelo Zammit, I-isqof ġdid ta’ Ġibiltà.

Il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku ħatar lil Mons. Carmelo Zammit Isqof ta’ Ġibiltà. L‑aħbar ingħatat waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Katidral ta’ ‘Saint Mary the Crowned’ f’Ġibiltà stess, fil‑preżenza ta’ Mons. Zammit.

Mons. Carmelo Zammit huwa mis‑Siġġiewi, għandu 66 sena u ġie ordnat saċerdot fl‑1974. Sal‑lum huwa kien il‑Vigarju Ġudizzjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, kariga li ilu jservi minn Mejju tal‑2015.

L‑Isqof‑elett ta’ Ġibiltà, Mons. Carmelo Zammit, huwa s‑suċċessur tal‑Isqof Ralph Heskett li fl‑2014 inħatar Isqof tad‑Djoċesi ta’ Hallam, f’Liverpool, l‑Ingilterra.  

Fl‑ewwel kummenti wara li tħabbret uffiċjalment il‑ħatra tiegħu, l‑Isqof‑elett qal li huwa laqa’ b’emozzjoni ta’ biża imma fl‑istess ħin b’ferħ kbir, ix‑xewqa tal‑Papa Franġisku li jsir Isqof ta’ Ġibiltà. Qal li ftit tal‑jiem ilu n‑Nunzju Appostoliku tar‑Renju Unit talbu jiltaqa’ miegħu biex jagħtih l‑aħbar. Qal li huwa ta’ unur u privileġġ kbir għalih li jiġi fdat mill‑Papa Franġisku b’din il‑missjoni, u li huwa ser jafda fil‑ħniena kbira ta’ Alla u fil‑ħarsien tal‑Madonna, waqt li jagħmel l‑almu tiegħu biex jaqdi l‑Knisja bħala Isqof ta’ Ġibiltà.

Mons. Zammit qal li qatta’ aktar minn nofs il‑ministeru saċerdotali tiegħu f’Ġibiltà, u issa se jqatta’ l‑bqija ta’ ħajtu fil‑post fejn beda l‑ministeru tiegħu. Qal li l‑Mulej Ġesù verament jaħdem b’mod misterjuż f’ħajjitna. “Nitlob l‑għajnuna ta’ Alla, bl‑interċessjoni ta’ Sidtna Marija taħt it‑titlu ta’ Madonna tal‑Ewropa (Patruna ta’ Ġibiltà), filwaqt li ninsab konvint mill‑appoġġ tal‑qassisin u l‑poplu ta’ Ġibiltà”, temm jgħid l‑Isqof‑elett, Monsinjur Carmelo Zammit.

 Mons. Carmelo Zammit

Mons. Carmelo Zammit twieled il‑Gudja fid‑19 ta’ Diċembru 1949, u ġie ordnat saċerdot fl‑20 ta’ Lulju 1974.

Bejn l‑1967 u l‑1974, studja fl‑Università ta’ Malta u ggradwa b’Baċellerat fil‑Filosofija, fit‑Taljan u fl‑Ekonomija, u kiseb Liċenzjat fit‑Teoloġija. Bejn l‑1974 u l‑1976 studja fl‑Università Pontifiċja tal‑Lateran, u kiseb liċenzjat fil‑Liġi Kanonika.

Wara li temm l‑istudji tiegħu f’Ruma, kien mistieden mill‑Isqof ta’ Ġibiltà biex jagħti servizz saċerdotali fid‑Djoċesi ta’ Ġibiltà, fejn serva bejn l‑1976 u l‑1998. Meta kien jgħix Ġibiltà huwa nħatar Vigarju Ġudizzjali. Kien ukoll Kappillan fl‑Iskejjel Komprensivi tas‑Subien u l‑Bniet bejn l‑1976 u l‑1987.

Fl‑1985 inħatar Kappillan u serva fil‑Parroċċa ta’ Santa Tereża sal‑1991, u fil‑Parroċċa tal‑Qalb ta’ Ġesù bejn l‑1991 u l‑1998. F’Ġibiltà serva wkoll bħala d‑delegat tal‑Isqof fuq il‑Bord tal‑Edukazzjoni Reliġjuża għall‑Iskejjel tal‑Gvern, u meta kien Kappillan tal‑Parroċċa tal‑Qalb ta’ Ġesù serva wkoll bħala Kappillan tal‑Ħabs u bħala membru fuq il‑Bord tal‑Ħabs.

Hekk kif irritorna Malta fl‑1998, Mons. Zammit inħatar Kanċillier tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u Imħallef fit‑Tribunal tat‑Tieni Istanza bejn l‑1999 u l‑2007. Wara, inħatar bħala Assistent tal‑Vigarju Ġudizzjali fit‑Tribunal Metropolitan tal‑Ewwel Istanza. Huwa jservi wkoll fil‑Parroċċa ddedikata lit‑Tlugħ fis‑Sema tal‑Verġni Marija, il‑Gudja.

Fl‑1997 ingħata t‑titlu ta’ Prelat tal‑Qdusija Tiegħu, filwaqt li fl‑2005 inħatar Kanonku tal‑Kapitlu Metropolitan. Fl‑2010 ġie elett President tal‑Kapitlu Metropolitan u ilu mill‑2009 membru tal‑Kunsill tal‑Fondazzjoni tal‑KonKatidral ta’ San Ġwann.

Fis‑6 ta’ Mejju 2015, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Carmelo Zammit bħala Vigarju Ġudizzjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-għażla ta’ Mons. Carmelo Zammit bħala Isqof ta’ Ġibiltà tikkonferma li Malta għadha pajjiż missjunarju li lest jaqsam il-ġid, ir-riżorsi umani u l-abbiltà personali ma’ knejjes u pajjizi oħrajn.

L-Arċisqof wassal il-messaġġ tiegħu ftit wara li l-Papa Franġisku ħatar lis-saċerdot Malti bħala Isqof ta’ Ġibiltà.

Spjega kif iħossu kburi li wieħed mis-saċerdoti Maltin li għamel ħafna snin jaħdem bħala missjunarju f’Ġibiltà, se jsir Isqof ta’ din il-komunità nisranija.

L-Arċisqof feraħ ukoll lill-parroċċa tal-Gudja li minnha ħareġ Mons. Zammit. “Għaliha wkoll hu mument storiku li wieħed minn uliedha se jsir Isqof tal-Knisja Kattolika,” temm il-messaġġ tiegħu.

SOURCE: Radju Maria